News and Events
Press Releases, Notices and Events
Bethlehem f’Għajnsielem 2012/13
Il-Kunsill Lokali Għajnsielem jixtieq jiċċara diversi punti li ssemmew fuq il-media lokali dwar l-attivita` annwali “Bethlehem f’Għajnsielem”. Għal dawn l-aħħar erba’ snin din l-attivita` dejjem għamlet unur lir-raħal u lill-Kunsill Lokali, u kien għalhekk li kien hemm ix-xewqa li din is-sena jerġa’ jittella’ dan il-Villaġġ sħiħ. Dan però ma kienx possibli għar-raġunijiet li qed nelenkaw.
Fis-sena 2010 twaqqfet il-Fondazzjoni Bethelehem f’Għajnsielem biex tieħu ħsieb u tidderieġi l-organizzazzjoni u l-bini ta’ dan il-Villaġġ. Ta’ min jinnota li din l-attivita` ma tinvolvix xogħol ta’ xahar biss, iżda tal-inqas ħames xhur xogħol bla waqfien. Dan ix-xogħol kollu jsir mill-voluntiera u wieħed irid iqis li sfortunatament ir-riżorsi umani tal-volontarjat qed jillimitaw ruħhom dejjem iktar.
Biex ikun jista’ jittella’ dan il-Villaġġ kienet dejjem issir applikazzjoni ta’ DNO (Development Notification Order) mal-MEPA għal strutturi temporanji u tibdil temporanju ta’ l-użu tas-sit. Il-permess kien jingħata bil-patt li jerġa’ jiżżarma kollox wara li tgħaddi l-attivita`.
Għal din is-sena, il-Kunsill rega’ offra din il-possiblita` lill-Fondazzjoni li l-Kunsill japplika għall-permess b’DNO. Il-Fondazzjoni ma xtaqitx li terga’ tidħol għax-xogħol enormi li jirrikjedi dan il-progett annwali sempliċiment fuq bażi ta’ permess ta’ DNO.
Fost l-affarijiet li wasslu biex Bethlehem f’Għajnsielem ma jsirx din is-sena insemmu dawn:
– Voluntiera li m’għadhomx jifilħu biex jibnu u jergħu iżarmaw dan il-villaġġ sħiħ;
– Għad hemm applikazzjoni pendenti mal-MEPA, maqsuma f’parti permanenti, li jikkonsisti f’ ‘Recreational Park’ u parti temporanja għax-xahar ta’ Diċembru fejn ikun jista’ jittella l-‘Christmas Village’. B’dan il-permess, ħafna mix-xogħol li jsir kull sena jkun jista jsir permanenti, bħall-passaġġi, water feature, pond tal-papri, animal shed, railing u dwal. Madanakollu, il-voluntiera ma jsibu l-ebda problema biex l-istrutturi temporanji għall-Christmas Village jinbnew u jiżżarmaw kull sena kif qed jigi propost f’din l-applikazzjoni pendenti mal-MEPA.
– L-applikazzjoni mal-MEPA ġiet sottomessa fl-14 t’April, 2011 (tracking number 143776). Wara din id-data intalbu diversi rapporti, pjanti ġodda, approvazzjoni minn awtoritajiet oħra, ħlas ta’ kontijiet tal-permessi, u diversi amendi oħra. Saru wkoll diversi konsultazzjonijiet ma’ uffiċċjali tal-MEPA biex saru diversi emendi tal-pjanti. Ta’ dan qed nehmżu skeda kronoloħika tal-korrispondenza ta’ din l-applikazzjoni. Tul il-proċess tal-applikazzjoni, saru laqgħat mad-Direttur tal-Ippjanar fil-MEPA, maċ-Chairman tal-MEPA, ma’ uffiċċjali oħra tal-MEPA u ta’ Awtoritajiet oħra, li kollha offrew l-għajnuna tagħhom.Kien hemm punt meta l-Kunsill ħasibha jekk iwaqqafx il-proċess, speċjalment wara li rċieva l-iscreening letter minghand il-MEPA li kienet sostanzjalment negattiva. Madanakollu, l-Kunsill dejjem ħaseb li dan huwa proġett bżonnjuż għall-komunita` t’Għajnsielem u dejjem emmen li b’rieda tajba mill-partijiet kollha, dan il-proġett jasal li jigi approvat u mwettaq.
Il-Kunsill jieħu l-opportunità jirringrazzja l-ammont kbir ta’ voluntiera li għal dawn l-aħħar erba’ snin dejjem ħadmu bla heda biex setgħet issir din l-attivita`. Sadanittant, il-kunsill jittama li l-permess mill-MEPA joħroġ fiż-żmien qarib, biex b’hekk ikun jista’ jinbeda x-xogħol neċessarju biex dan l-avveniment jerġa` jieħu postu fil-kalendarju kulturali.